Xenarju tal-Migrazzjoni

Ix-Xenarju tal-Immigrazzjoni Irregolari f’Malta

SFOND
Sa mill-2002, wasal Malta numru sinjifikattiv ta’ immigranti irregolari.

Fl-2008 wasal Malta numru rekord ta’ 2,775 immigrant irregolari. 98% issottomettew applikazzjoni għall-ażil.

Wara l-bidu tar-rivoluzzjoni Libjana – waslu Malta 1,579 immigrant irregolari fl-2011; 1,890 fl-2012, 2,008 fl-2013 u 568 fl-2014.

Din is-sena, fl-ewwel nofs, waslu total ta’ 90 persuna fl-ixtut ta’ Malta irregolarment bid-dgħajsa, iżda diversi mijiet oħra waslu Malta b’mezz ieħor ta’ vjaġġar u talbu l-ażil, stat ta’ rifuġjat jew għajnuna umanitarjia sussidjarja oħra.

Il-parti l-kbira ta’ dawk li waslu irregolarment applikaw għall-protezzjoni internazzjonali f’Malta.


TALBIET GĦALL-AŻIL

Il-maġġoranza ta’ dawk li qed ifittxu ażil li jaslu Malta joriġinaw minn reġjuni kkaratterizzati minn instabbiltà.

Bejn l-2002 u l-2012, iktar minn 50% tal-immigranti li waslu Malta ngħataw protezzjoni internazzjonali.


QAFAS POLITIKU U ISTITUZZJONALI

Diversi Ministeri huma involuti fi kwistjonijiet ta’ migrazzjoni u ażil, inkluż l-MHAS u l-MFA…

L-MFA huwa responsabbli għall-aspetti esterni tal-immigrazzjoni irregolari u l-politika tal-ażil.

L-MHAS huwa responsabbli għall-akkoljenza tal-immigranti, id-determinazzjoni tal-ażil, ir-ritorni ta’ immigranti irregolari u ta’ applikanti li ma jikkwalifikawx għall-ażil.

L-inkarigi tal-MHAS jitwettqu minn numru ta’ Dipartimenti:

i. Il-Forzi Armati ta’ Malta huma responsabbli għas-sorveljanza u s-salvataġġ tal-fruntieri marittimi;
ii. It-Taqsima tal-Immigrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta twettaq kontrolli fil-fruntieri, tmexxi l-unità SIRENE u s-Sistema Eurodac;
iii. Is-Servizz tad-Detenzjoni jiġġestixxi ċentri ta’ akkoljenza magħluqa;
iv. L-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Rifuġjati jirċievi, jipproċessa u jiddetermina l-applikazzjonijiet għall-ażil;
v. Il-Bord tal-Appelli dwar ir-Rifuġjati jiddetermina l-appelli mid-deċiżjonijiet tal-Kummissarju għar-Rifuġjati;
vi. L-AWAS tmexxi ċentri miftuħa ta’ akkoljenza u tipprovdi servizzi ta’ welfare lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali.


PRINĊIPJI LI FUQHOM HUMA BBAŻATI L-AZZJONIJIET TA’ MALTA VIS-À-VIS L-IMMIGRAZZJONI IRREGOLARI

Is-salvagwardjar tas-sigurtà permezz tal-kontroll fil-fruntieri
It-trattament ġust u uman tal-migranti u ta’ dawk li qed ifittxu ażil
Id-determinazzjoni spedita ta’ talbiet għall-ażil
L-integrazzjoni tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali
Ir-rilokazzjoni u r-Risistemazzjoni intra-UE
Ir-ripatrijazzjoni spedita ta’ migranti irregolari, inklużi dawk li qed ifittxu ażil li ma jikkwalifikawx għall-ażil
Il-kooperazzjoni aħjar ma’ pajjiżi terzi ta’ oriġini u ta’ tranżitu


KONTROLL U SORVELJENZA FIL-FRUNTIERI

Is-salvagwardjar tas-sikurezza u s-sigurtà tal-ħajja fuq il-baħar:

Il-maġġoranza tal-immigranti li jaslu Malta jiddikjaraw li bdew il-vjaġġ tagħhom mill-ixtut Libjani;
Malta tippromwovi l-kooperazzjoni f’dan il-qasam, partikolarment bl-għan li tipprevjeni t-telf ta’ ħajja fuq il-baħar;


TIFTIX U SALVATAĠĠ

Il-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) huma indikati bħala l-aġenzija responsabbli għat-Tiftix u s-Salvataġġ (SAR) marittimu, liema inkarigu jeħtieġ il-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet kollha tal-SAR fi ħdan ir-Reġjun tal-SAR (SRR).

Is-SRR ta’ Malta tinkludi total ta’ 20,5770km2.

Ir-responsabbiltà ta’ Malta fi ħdan is-SRR hija li tikkoordina l-attivitajiet SAR kollha bl-użu ta’ kull riżorsa disponibbli inklużi l-assi ta’ pajjiżi terzi u tbaħħir kummerċjali. Għaldaqstant Malta għandha l-obbligu li jkollha riżorsi xierqa biex twettaq tali koordinazzjoni, li fil-fatt huwa l-każ.

Malta wettqet diversi operazzjonijiet tal-SAR matul dawn is-snin. Għandu jiġi nnotat li l-AFM salvat madwar 15,000 migrant b’assi nazzjonali u bl-iżbark assistit f’Malta ta’ migranti irregolari.

Malta tkompli tirrispetta l-obbligi legali internazzjonali tagħha kollha fir-rigward tas-salvataġġ ta’ persuni li jinsabu fil-periklu fuq il-baħar.


DETENZJONI

It-trattament ġust u uman tal-migranti u ta’ dawk li qed ifittxu ażil:

L-immigranti li jaslu Malta irregolarment jiġu suġġetti għal detenzjoni amministrattiva
Persuni vulnerabbli, inklużi l-minorenni, ma jinżammux f’detenzjoni
Il-perjodu ta’ detenzjoni kien sa 18-il xahar (suġġett għal reviżjoni perjodika) għal immigranti irregolari u sa 12-il xahar għal dawk li qed ifittxu ażil, illum huwa massimu ta’ tliet ġimgħat, sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi speċjali
Mal-ħelsien tagħhom mid-detenzjoni, il-migranti jiġu ttrasferiti f’ċentri miftuħa ta’ akkomodazzjoni
Malta tfittex li tipprovdi l-aqwa kundizzjonijiet possibbli għal persuni f’ċentri ta’ detenzjoni u dawk li joqogħdu f’ċentri miftuħa


PROĊESS TA’ AŻIL

Id-determinazzjoni spedita ta’ applikazzjonijiet għall-ażil:

Ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs) li jesprimu l-intenzjoni tagħhom li japplikaw għall-ażil f’Malta jiġu informati biex jikkuntattjaw l-Uffiċċji tal-Kummissarju għar-Rifuġjati. Dawn it-TCNs jiġu pprovduti b’informazzjoni dwar il-proċedura tal-ażil u jingħataw l-għajnuna biex jimlew il-formola ta’ reġistrazzjoni minn dan l-istess Uffiċċju.

Bħala parti mill-proċedura tal-ażil, titwettaq intervista personali mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Rifuġjati ma’ kull applikant.
Id-deċiżjoni tal-Kummissarju għar-Rifuġjati tista’ tiġi appellata quddiem il-Bord tal-Appelli dwar ir-Rifuġjati u tista’ tiġi pprovduta għajnuna legali b’xejn
Sakemm tingħata deċiżjoni definittiva finali mill-Bord, l-appellant ikun intitolat li jibqa’ f’Malta

Għal iktar informazzjoni dwar l-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Rifuġjati, agħfas hawn.


DRITTIJIET TAL-BENEFIĊJARJI TA’ PROTEZZJONI INTERNAZZJONALI

Il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali f’Malta huma intitolati fost affarijiet oħra għal impjieg, welfare soċjali, akkomodazzjoni, edukazzjoni u taħriġ statali u kura medika statali.


RILOKAZZJONI U RISISTEMAZZJONI INTRA-UE

Fil-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil, l-Istati Membri tal-UE ftiehmu li jippromwovu allokazzjoni mill-ġdid aħjar tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri bl-għan li jappoġġjaw lil dawk l-Istati Membri li huma suġġetti għal pressjonijiet sproporzjonati minħabba s-sitwazzjonijiet ġeografiċi jew demografiċi tagħhom.

Fl-ewwel fażi tal-Proġett Pilota total ta’ 227 benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali ġew allokati mill-ġdid minn Malta.

Fid-dawl tal-influss ta’ immigranti mil-Libja u l-piż sproporzjonat li qiegħda ġġorr Malta, il-Kunsill iddeċieda f’April 2011, fuq proposta mill-Kummissarju Malmström, biex jestendi l-Proġett Pilota għall-allokazzjoni mill-ġdid ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali f’Malta. Ġew imwiegħda madwar 350 post ta’ rilokazzjoni.

260 ġew rilokati fuq bażi bilaterali u 14 permezz ta’ finanzjamenti tal-UE.

Fażi 1 tal-proġett – 102 persuni ġew rilokati fil-Ġermanja.

Fażi 2 tal-proġett – 153 persuna ġew rilokati fil-Ġermanja.

Inizjattivi bilaterali oħra – 2006 – 20 persuna ġew rikolati; 2009 – 11-il persuna ġiet rilokata.

Malta għandha skema kontinwa ta’ risistemazzjoni mal-Istati Uniti u s’issa 2,277 benefiċjarju ta’ protezzjoni ġew risistemati permezz ta’ dan il-programm mill-2007. Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, 183 benefiċjarju telqu lejn l-Istati Uniti.


RITORN

Ir-ripatrijazzjoni spedita ta’ migranti irregolari, inklużi applikanti li ma jikkwalifikawx għall-ażil.

Malta tiltaqa’ ma’ diffikultajiet fil-proċess ta’ ripatrijazzjoni lejn ċerti pajjiżi ta’ oriġini
Id-diffikultà prinċipali hija l-kisba tad-dokumenti ta’ vjaġġar neċessarji. In-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn ċerti migranti jikkomplika u jtawwal il-proċess ta’ ripatrijazzjoni.
F’dan il-kuntest, Malta qiegħda kemm tippromwovi r-ritorn volontarju, flimkien ma’ pakketti ta’ riintegrazzjoni, kif ukoll tinsisti fuq il-bżonn li jiġi żgurat ir-ritorn ta’ dawk li jinsabu hawn irregolarment li ma jagħżlux ir-ritorn volontarju


KONKLUŻJONI

Ma hemmx soluzzjoni unika għall-isfidi tal-immigrazzjoni irregolari u l-ażil. Il-Gvern għalhekk jittratta dawn il-kwistjonijiet b’mod komprensiv. Dawn l-azzjonijiet jinvolvu r-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni, ir-ripatrijazzjoni ta’ immigranti irregolari lejn il-pajjiżi ta’ oriġini, it-titjib tal-kontroll fil-fruntieri u t-tiftix ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. L-azzjonijiet kollha mwettqa jieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tal-migranti.