Storja

X’inhi l-AWAS? X’inhi l-funzjoni tagħha? Kif topera? Dawn huma biss ftit mill-mistoqsijiet li wieħed jista’ jkollu f’moħħu li jistaqsi huwa u jfittex informazzjoni dwar l-Aġenzija.

Il-ħtieġa ta’ organizzazzjoni biex tieħu ħsieb lil dawk li qed ifittxu ażil inħasset għall-ewwel darba bejn wieħed u ieħor fl-2002 meta numru sinjifikanti ta’ migranti irregolari bdew jaslu fi xtutna. Dan kien iż-żmien meta beda l-fenomenu ta’ wasliet kostanti ta’ immigranti irregolari mill-Afrika li jinżlu Malta.

Dak iż-żmien, ir-regola kienet detenzjoni fit-tul. Kien għadu ma kienx hemm pjan fis-seħħ biex il-migranti jiġu rilokati minn ċentru tad-detenzjoni għal struttura ta’ Ċentru Miftuħ. Eventwalment, fl-2003, l-MFSS laħaq ftehim mal-Conservatorio Vincenzo Bugeja u parti mill-proprjetà tiegħu, Dar is-Sliem, bdiet tintuża għall-akkomodazzjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjati, u nħarġu ordnijiet għall-ħarsien taħt l-Att dwar Ordnijiet għall-Ħarsien. Inkisbu u ntużaw fondi tal-FER għal dan il-proġett. Lejn it-tmiem tal-2003, il-kabinett iddelega r-responsabbiltà tal-Integrazzjoni u l-Benessri lill-MFSS.

Fl-2004, l-MFSS laħaq ftehim mal-Patrijiet Franġiskani sabiex parti mill-proprjetà tagħhom tintuża għall-akkomodazzjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjati – Dar is-Sliem II – iżda iktar tard dik is-sena dan iċ-ċentru beda jospita l-familji u ngħata l-isem il-ġdid Dar il-Qawsalla. Sussegwentement, l-Aġenzija Appoġġ stabbilixxiet Żona ta’ Servizzi għar-Rifuġjati (RSA) u ġiet fdata bit-tmexxija ta’ Ċentru Miftuħ f’Ħal Far. L-RSA wettqet ukoll evalwazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati u n-nies vulnerabbli.

Fil-bidu tal-2005, inħarġet politika tal-Gvern fl-okkażjoni tal-Konferenza Nazzjonali dwar l-Immigrazzjoni.

F’Settembru tal-2005 ġie konkluż ftehim bejn l-MFSS u Suret il-Bniedem għat-trasformazzjoni tal-ex Skola tas-Snajja’ tal-Marsa bl-għan li tinbidel f’Ċentru Miftuħ. Sussegwentement infetaħ Il-Villaġġ tat-Tined ta’ Ħal Far f’April tal-2006 u Dar il-Liedna infetħet f’Ottubru tal-istess sena.

Fi Frar tal-2007 twaqqfet informalment l-OIWAS (l-Organizazzjoni għall-Integrazzjoni u l-Ħarsien ta’ dawk li Qed Ifittxu Ażil) u tmexxiet lejn uffiċċji fi Blokka C Belt is-Sebħ, bil-ħatra tal-ewwel uffiċjali għal din l-organizzazzjoni l-ġdida.

L-OIWAS assumiet il-funzjonijiet kollha mis-Servizzi għar-Rifuġjati tal-Aġenzija Appoġġ inklużi l-operazzjonijiet taċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far, illum magħrufa bħala l-HTV u l-HOC sa minn Marzu tal-2007. F’Ġunju tal-2007 ġie rreġistrat il-ftuħ formali tal-istruttura l-ġdida tal-OIWAS. Il-Programm ta’ Ċentri Magħluqa ġie mniedi f’Settembru tal-2007 u nkisbu b’suċċess fondi tal-UE għall-Proġett COPE.

Ċentru ġdid, l-HFRC (iċ-Ċentru tar-Rifuġjati ta’ Ħal Far), għax-xebbiet infetaħ fi Frar tal-2008. Ir-responsabbiltà kollha għall-immigranti illegali, ir-rifuġjati, l-immigranti bi status umanitarju u kwistjonijiet relatati ngħatat lill-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Intern f’April tal-2008.

L-AWAS, kif nafuha llum, ġiet stabbilita legalment fl-2009 bħala Aġenzija tal-Gvern, billi hija entità korporattiva, bl-adozzjoni tal-Avviż Legali 205 tal-2009 – Att dwar l-Immigrazzjoni (Kap 217), Regolamenti ta’ l-2009 dwar l-Aġenzija għal Ħarsien ta’ Persuni li jkunu qed ifittxu l-Asil. L-aġenzija attwalment taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

Mill-Uffiċċju Prinċipali tagħha u b’iktar minn 80 membru tal-persunal, l-Aġenzija llum hija responsabbli għal sitt ċentri miftuħa li jakkomodaw residenti li ngħataw status ta’ protezzjoni jew li t-talba tagħhom għall-ażil qiegħda tiġi pproċessata. Fil-kompetenza tal-Aġenzija hemm ukoll is-salvagwardjar ta’ minorenni mhux akkumpanjati (UMAS).


A.L. 205 TAL-2009

Fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħha, l-Aġenzija għandha:

  • Tissorvelja kemm direttament jew permezz ta’ ftehim ta’ subappalt l-immaniġġjar ta’ kuljum tal-faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni
  • Tipprovdi servizzi partikolari lil kategoriji ta’ persuni identifikati bħala vulnerabbli skont il-politika preżenti
  • Tipprovdi programmi ta’ informazzjoni lill-klijenti tagħha fl-oqsma tal-impjieg, l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, is-saħħa u s-servizzi ta’ ħarsien provduti taħt skemi nazzjonali
  • Taġixxi bħala faċilitatur mal-entitajiet pubbliċi kollha li huma responsabbli għall-provvediment ta’ servizzi sabiex tiżgura li l-obbligazzjonijiet nazzjonali għar-rifuġjati u għall-persuni li jkunu qed ifittxu l-ażil jkunu aċċessibbli
  • Tippromwovi l-politika tal-Gvern u l-iskemi li jirrigwardaw il-possibbiltà li persuni jmorru jgħammru f’pajjiż ieħor u r-ritorn volontarju assistit
  • Iżżomm data u tfassal rapporti li huma kkunsidrati rilevanti għal funzjoni tagħha u li tipprovdi statistiċi lill-korpi xierqa għat-tfassil tal-politika
  • Tagħti parir lill-Ministru fuq żviluppi ġodda fil-qasam operattiv tagħha u tipproponi politika jew leġislazzjoni meħtieġa biex ittejjeb is-servizz mogħti u tissodisfa kwalunkwe obbligazzjoni legali fir-rigward ta’ min juża s-servizzi tagħha
  • Tħeġġeġ networking ma’ organizzazzjonijiet volontarji lokali sabiex ittejjeb l-istandards tas-servizzi kif ukoll ir-riċerka akkademika
  • Taħdem id f’id ma’ persuni interessati pubbliċi oħra u, fejn possibbli, toffri s-servizzi lill-persuni li jkunu qed ifittxu l-ażil li jkunu akkomodati f’ċentri oħra ta’ akkoljenza li ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà diretta tagħha