POLITIKA DWAR IS-CCTV
ĊENTRU MIFTUĦ TAL-MARSA/ĊENTRU TA’ AKKOLJENZA INIZJALI TAL-MARSA
A. Dikjarazzjoni ta’ Politika
L-Aġenzija tal-Welfare tal-Persuni li Jfittxu Ażil (iktar ’il quddiem “l-Aġenzija”) tipproċessa data personali permezz ta’ kameras CCTV (televiżjoni b’ċirkwit magħluq) bl-għan tal-monitoraġġ tas-sigurtà f’żoni komuni magħżula tal-proprjetà tal-Aġenzija msemmija iktar ’il fuq. Is-sistema tas-CCTV ġiet installata għall-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar is-Saħħa u s-Sigurtà, biex tipprovdi ambjent sigur u mingħajr periklu għall-persunal u għal dawk li jżuru l-proprjetà u biex il-ħażniet u t-tagħmir fl-istess sit tal-proprjetà jiġu protetti.
L-għan ta’ din il-politika huwa li tiddefinixxi proċedura xierqa għall-użu tal-immaġini CCTV u biex jiġu ddettaljati l-kontrolli neċessarji għall-iżgurar tal-konformità mal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data.
B. Għan
Is-sistema tas-CCTV ser tissorvelja ż-żoni pubbliċi interni u fuq barra taħt il-kontroll dirett tal-maniġment tal-Aġenzija fiċ-ċentru miftuħ tal-Marsa/iċ-Ċentru ta’ Akkoljenza Inizjali tal-Marsa. Dawn jinkludu;
1) Id-daħla prinċipali;
2) Quddiem il-kamra tal-gwardjani u fuq ġewwa tal-kamra tal-gwardjani;
3) Il-ħruġ prinċipali tal-Uffiċċji tal-MOC/IRC;
4) Iż-żona tal-workshop u l-parkeġġ maġenb il-workshop;
5) Il-ħruġ tal-Ħanut Ġenerali u l-ġimm;
6) Iċ-ċentru tal-edukazzjoni u l-ħanut tal-prodotti tas-sodda;
7) Il-kċina u d-dormitorji;
8) Il-grawnd tal-football u l-parkeġġ maġenbu;
9) Il-kuruturi tal-ewwel u tat-tieni sular u t-trombi tat-taraġ;
10) Il-kamra tas-servers u l-kurituri tal-IRC;
11) Il-parti ta’ wara tal-bini tal-MOC.
Dawn t’hawn fuq huma żoni ssorveljati mill-Aġenzija biex;
• Tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati u ta’ dawk li jżuru s-sit;
• Tissorvelja s-sigurtà tas-sit u tal-proprjetà, il-ħażniet u t-tagħmir li hemm fihom;
• Tifforma parti mill-proċeduri ġenerali interni ta’ kontroll.
Filwaqt li s-sistema CCTV ser tissorvelja ż-żoni indikati għall-għanijiet imsemmija, l-Aġenzija mhix ser tkun qiegħda tara l-immaġini diretti tas-sistema l-ħin kollu. Madankollu l-Aġenzija tirriżerva d-dritt li taħtar uffiċjal biex jissorvelja l-immaġini diretti tal-kameras.
Madankollu, fil-każ ta’ attività maqbuda mill-kameras, li tista’ tinvolvi membru tal-persunal jew utent tas-servizz jew viżitatur u li tista’ teħtieġ investigazzjoni interna, l-Aġenzija tirriżerva d-dritt li tieħu r-reġistrazzjoni rilevanti u li tieħu kull azzjoni meqjusa neċessarja fiċ-ċirkustanza partikolari. L-Aġenzija tikkommetti ruħha wkoll li fil-każ ta’ attività maqbuda mill-kamera u li tista’ twassal għal akkużi kriminali, l-estratt rilevanti tar-reġistrazzjoni tal-kamera jista’ jiġi żvelat ukoll lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi bl-għan tal-investigazzjoni rilevanti.
Il-mezz tar-reġistrazzjoni jiġi miktub fuqu u kwalunkwe kopji jinqerdu wara sebat (7) ijiem sakemm dawn ma jkunux strettament meħtieġa għall-għan ta’ investigazzjoni. F’każijiet simili, ir-reġistrazzjonijiet rilevanti għandhom jinżammu sakemm tiġi konkluża l-investigazzjoni u għandhom jinqerdu malli dan ma jibqax neċessarju.
C. Dritt ta’ aċċess
Kull individwu li d-data personali tiegħu tkun miżmuma mill-Aġenzija, fil-forma ta’ reġistrazzjoni CCTV, jista’ jitlob aċċess għal din ir-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 21 tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data. Għalkemm il-liġi ma tintitolax speċifikament lill-individwu għal estratt tal-immaġini li jkunu qegħdin jiġu rreġistrati, jew biex jara l-immaġini direttament, fil-każ tas-sistemi CCTV, l-iktar approċċ prattiku huwa li wieħed jitħalla jara l-immaġini direttament, sakemm l-identità ta’ terzi tiġi moħbija.
Jekk individwu ma jkunx issodisfatt bit-tweġiba kif tingħata jew il-mod li bih ikun ingħata l-aċċess, il-kwistjoni tista’ tiġi rreferita lill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data li ser jinvestiga l-każ u jaċċerta li d-dritt ta’ aċċess jingħata b’mod xieraq.
It-talbiet tad-dritt għal aċċess għandhom isiru bil-miktub u għandhom ikunu indirizzati lill-Uffiċjal Kap Eżekuttiv.
D. Proċeduri ta’ Reġistrazzjoni
L-Aġenzija timpenja ruħha li tikkonforma ma’ politika ta’ sigurtà stretta vis-à-vis l-aċċess għal immaġini rreġistrati. Kwalunkwe aċċess intern għal immaġini viżwali mill-organizzazzjoni jew kwalunkwe żvelar ta’ tali immaġini wara talba minn korp tal-infurzar tal-liġi jew mis-suġġett tad-data għandha tiġi rreġistrata u miżmuma bħala evidenza.
Din il-verżjoni: 25 Lulju 2016
