Dwar Awas

Aġenzija tal-Welfare tal-Persuni li Jfittxu Ażil

Missjoni u Funzjoni

Il-Funzjoni tal-Aġenzija tal-Welfare tal-Persuni li Jfittxu Ażil (AWAS) hija l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni u politika nazzjonali dwar il-benessri ta’ rifuġjati, persuni li għandhom protezzjoni internazzjonali u dawk li qed ifittxu ażil. Fil-prattika, l-AWAS tmexxi faċilitajiet ta’ akkoljenza, tipprovdi programmi ta’ informazzjoni fil-qasam tal-impjieg, l-akkomodazzjoni, is-saħħa, il-benessri u l-edukazzjoni, u tippromwovi skemi tal-gvern relatati mar-risistemazzjoni u r-ritorn volontarju.

L-AWAS taġixxi wkoll bħala faċilitatur bejn entitajiet pubbliċi għall-provvista ta’ servizzi biex jiġi żgurat li l-obbligi nazzjonali lejn il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u dawk li qed ifittxu ażil ikunu aċċessibbli u tinkoraġġixxi n-networking bejn organizzazzjonijiet lokali volontarji rilevanti f’Malta. Hija tagħti wkoll konsulenza lill-Gvern dwar żviluppi ġodda fil-qasam ta’ operazzjonijiet tagħha u tabbozza rapporti għall-entitajiet li jfasslu l-politika.

Malta hija firmatarja tal-Konvenzjoni dwar ir-Rifuġjati tal-1951 u l-Protokoll tagħha tal-1967.

Is-servizzi ġenerali li huma offruti huma:

Servizzi tas-Saħħa   

Fi tliet ċentri tal-AWAS, infermiera u tobba ser ikunu disponibbli biex jieħdu ħsieb il-benefiċjarji. L-AWAS ser tipprovdi informazzjoni dwar is-servizzi tas-saħħa mainstream. Jekk il-benefiċjarji jeħtieġu trasport biex jattendu appuntamenti mediċi, l-aġenzija ser tipprovdi servizz tat-trasport.

Servizz ta’ Sapport Psikoloġiku u Emozzjonali   

Is-servizz jipprovdi valutazzjonijiet/ assessments permezz ta’ intervisti kif ukoll jipprovdi servizzi ta’ sapport psikoloġiċi u emozzjonali lill-benefiċjarji li huma taħt protezzjoni internazzjonali u lil dawk li qed jfittxu ażil. Dan is-servizz għandu l-għan jakkumpanja lil persuni li qed ifittxu l-ażil u qed jesperjenzaw taqlib emozzjonali. Dan id-dipartiment ser jieħu ħsieb li jkun ta’ appoġġ fid-diffikultajiet tagħhom. Dan is-servizz huwa offrut lill-benefiċjarji fiċ-ċentri kollha tal-AWAS kif ukoll fiċ-ċentri ta’ Detenzjoni, ukoll fl-isptar Monte Karmeli u Blokk Ċ fil-Furjana.

Valutazzjoni tal-Vulnerabbiltà      

L-Assessment Unit jaħdem biex jidentifika, jevalwa, u jwieġeb għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ benefiċjarji vulnerabbli li għandhom protezzjoni internazzjonali jew temporanja. Il-valutazzjonijiet isiru kemm fiċ-ċentri ta’ akkoljenza kif ukoll ta’ detenzjoni.

Servizz ta’ Inizjattivi Edukattivi u Soċjali

It-tim huwa responsabbli biex jorganizza attivitajiet madwar iċ-ċentri, jikkollabora ma’ NGOs u jiffaċilita’ d-donazzjonijiet. It-tim jżur ċ-ċentri tal-AWAS kull ġimgħa. Xi attivitajiet li jsiru minn dan it-tim jinkludu sessjonijiet ta’ arti u snajja’, sessjonijiet ta’ sport/eżerċizzji fiżiċi, film nights u distribuzzjoni ta’ ħwejjeġ. Dan it-tim jipparteċipa wkoll f’attivitajiet organizzati b’mod estern.

Servizz ta’ Informazzjoni   

L-għan tal-Migrant Advice Unit (MAU) huwa li joffri appoġġ billi jipprovdi informazzjoni lill-benefiċjarji fi ħdan iċ-ċentri ta’ Akkoljenza tal-AWAS u fil-komunità. L-informazzjoni li tingħata mhux limitata għall-impjiegi, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni,
l-akkoljenza, l-ażil, ir-Ritorn Volontarju Assistit u  Ri-integrazzjoni (AVRR) u r-rilokazzjoni, iżda għal dak li jkun hemm bżonn.

Servizz Soċjali

Is-Social Work Unit huwa magħmul minn tim ta’ Social Workers. Huma jwettqu interventi fuq kwistjonijiet ta’ saħħa, impjieg, akkomodazzjoni u edukazzjoni. Dan it-tim jassisti f’interventi ta’ kriżi, wasliet ta’ dgħajjes jew mezzi oħra, kif ukoll valutazzjonijiet għall-klijenti fil-komunità.